Postijiet ta’ Interess

Home >> Postijiet ta’ Interess

Marbutin ma’ żmien l-Għarab hemm dar Islamika fi Triq il-Ġdida u dekorazzjoni Ġħarbija fil-faċċata ta’ forn antik fi Sqaq Warda. Dan il-forn bid-dar miegħu qed jerġa’ jkun restawrat. Għadhom jidhru xi galleriji qodma. Għadd ta’ niċeċ bi statwi differenti jiġbdu l-attenzjoni ta’ min ikun għaddej.

Fit-tarf tat-tramuntana tar-raħal, hemm il-Palazz tal-Kmand, mibni fl-1803A.D., b’kitba bit-Taljan fuq il-bieb ewlieni u ġġib l-ismijiet tar-Re Ġorġ III u Alexander Ball.

F’għalqa qrib tal-Ferħa hemm kamra kwadrata stramba li ġġib is-sena 1742, u aktarx tonda fuq ġewwa. Il-ħajt ta’ barra aktarx kien miżjud wara biex isaħħaħ il-kostruzzjoni ta’ ġewwaġ ġebel ta’ qies megalitiku jagħlaq waħda fuq l-oħra lejn is-saqaf. Huwa diffiċli li taqta’ għal liema għan inbniet b’dan il-mod, u ġġiegħlek tistħajjel li kienet xi kappella żgħira mibnija b’mod goff. Setgħet tkun mibnija bħala biċċerija żgħira għal bhejjem kbar, imdendlin ma’ ġebla mtaqqba, ħierġa mis-saqaf. Kanal żgħir jgħaqqad din il-kamra ma’ bir fil-qrib biex id-demm iqattar fih.

(Artiklu miktub minn Dun Karm Bezzina)

Fil-Quċċata tad-dinja

Il-komunita’ ta’ Ħal Għargħur tinsab mifruxa fuq għolja maqtugħa għaliha li tagħti ‘l isfel b’veduti li jistorduk. Ir-raħal u l-kampanja li ddur miegħu jgħoddu ħafna għal dawra ta’ nofs ta’ nhar u xi ritratti mill-aħjar.

Imdawra fuq kull naħa b’art agrikola, il-lokalita’ kwieta u kalma ta’ Ħal Għargħur, mimlija b’xeħta partikolari u tal-post fost komunita’ żgħira. Fuq kull naħa tar-raħal hemm żewġ widien, Wied id-Dis u Wied Anġlu li huma meqjusa ta’ importanza ekoloġika partikolari. Il-kotra ta’ nħawi ħodor madwar ir-raħal kollu jagħtu lil dan ir-raħal għamla kampanjola partikolari li iktar ngħodduha tixbaħ lil dik ta’ Għawdex, oħt il-gżira ta’ Malta.

Fi triqitna lejn Ħal Għargħur, waqt li ngħaddu mill-Madliena, tara l-bini militari ta’ żmien ir-Reġina Vittorja, il-madliena fil-quċċata ta’ għolja (oħra) fuq ix-xellug tiegħek. Din il-fortizza s-soltu tinfetaħ is-Sibt wara nofs in-nhar. Tara wkoll taqsima tal-ħajt ta’ difiża magħrufa bħala l-Victoria Lines, li nbena lejn tmiem is-seklu dsatax. Dan il-ħajt baxx ta’ difiża iserrep fuq għoljiet u f’nofs irħula, bejn wieħed u ieħor parallel mal-Isfrondar il-Kbir (Great Fault) li jaqsam il-gżira mil-Lvant għall-Punent ta’ Malta. Jibda minn riġel il-Madliena u jintemm f’Binġemma.

L-istess triq twasslek ħdejn pont li jaqsam il-wied magħruf bħala Wied id-Dis. Għaddi minn fuqu u ibda oqrob lejn ir-raħal ta’ Ħal Għargħur. Wara ftit minuti imxi matul Triq il-Ġnien u fuq ix-xellug tiegħek tara dak li hu magħruf bħala l-Palazz tal-Kmand, mibni fl-1803. Il-kitba li hemm fuq il-bieb ewlieni hija bit-Taljan, u ġġib l-ismijiet tar-Re Ġorġ III u l-ewwel gvernatur Ingliż ta’ Malta Sir Alexander Ball.

Issa tkun wasalt ‘il fuq b’veduti tal-kampanja tħaddar u tax-xtajta tal-bajja ‘White Rocks’. Int tkun ukoll qed tapprezza għaliex Ħal Għargħur huwa mfittex mill-Maltin ghal mixjiet tal-Ħdud. Ftit iktar ‘il fuq inti tasal ħdejn il-kappella ta’ Tlugħ fis-sema tal-Madonna, mibnija fl-1560 u magħrufa bħala taż-Żellieqa, aktarx mir-rampa tiżloq li l-insara kellhom jitħabut biex jitligħu sal-kappella fl-imgħoddi.

Mill-kappella ibqa’ tiela’ dritt ‘il fuq, fuq il-lemin tiegħek, idħol fit-triq imsejħa ‘Triq Għaxqet l-Għajn’ (Eye’s Delight Road). Ħal Għargħur qiegħed fuq waħda mill-ogħla naħat ta’ Malta, u għalhekk tagħti veduta mill-isbaħ tan-naħa ta’ fuq tal-gżira u tax-xatt speċjalment mill-belvedere tax-xifer li jħares guq il-baħar li n-nies tal-post draw isejħulu ‘The Top of the World’ – il-quċċata tad-dinja. Issib dan il-post f’tarf Triq Għaxqet l-Għajn. L-antenna l-kbira li tara fuq ix-xellug tiegħek waqt lit għaddi lejn dan il-post favorit, hija l-istazzjon tat-trasmissjoni radjofonika ta’ Malta, mibni fuq is-sit ta’ stazzjon tas-sinjali fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Ħal Għargħur hu post favorit għal mixjiet tal-Ħadd fost il-Maltin. Mixja fil-qalba tar-raħal ċkejken iżda li jsaħħrek mhux ta’ min jitlifha.

Kif Tasal Hemm

B’Tal-Linja. Biex tmur dritt f’Ħal Għargħur aqbad il-karozza numru 35 jew 36 li titlaq mill-venda tal-Belt Valletta. Biex tara l-iskeda tal-ħinijiet agħfas hawn.

Jekk tieħu l-Coast Road imxi mas-sinjali lejn il-Madliena u mbagħad lejn Ħal Għargħur.

Mit-Top of the World (il-quċċata tad-dinja) inti tista tehodha bil-mixi matul mogħdija li twasslek sal-qalba tar-raħal. Inkella tista’ timxi jew issuq matul Triq Għaxqet l-Għajn u tibda d-dawra tiegħek fil-qalba tar-raħal mill-għolja li tibda minn ras it-triq.

Mixja fil-qalba tar-raħal ċkejken iżda li jsaħħrek mhux ta’ min jitlifha. Fittex ir-rabta Għarbija f’dar li qiegħda fi Triq il-Ġdida kif ukoll dar magħquad ma’ forn fi Sqaq Warda b’faċċata fi stil Għarbi. M’hemmx dubju li għadd ta’ galleriji u niċeċ mal-ħajt, u mitħna mibdula f’dar jiġbdu l-attenzjoni tiegħek.

Meta tkun f’Ħal Għargħur, tħallix barra żjara lill-knisja parrokkjali, li qiegħda fil-pjazza tar-raħal u hi dedikata lil San Bartilmew, li għandha sa mill-ewwel nofs tas-seklu sbatax. Għalkemm xi ftit żgħira, imqabbla ma’ oħrajn, din il-knisja turi l-kobor ta’ ħsieb u devozzjoni tan-nies tar-raħal li, matul is-sekli offrew biex tinbena u tissebbaħ.

L-istatwa tal-qaddis padrun tar-raħal inġabet mill-Italja fl-aħħar snin tas-seklu tmintax. Meta tkun iddur mal-qalba tar-raħal, il-koppla tal-knisja tista’ tagħmilha għalik punt ta’ referenza biex timxi fid-direzzjoni t-tajba.

Ir-raħal stess jista’ jiftaħar b’kappellel oħra, fosthom waħda dedikata lil San Ġwann Battista fi Triq San Gwann, li jgħidu li għandha mill-1223, u oħra dedikata lil San Nikola fi Triq San Nikola.

Tista’ tieqaf tieħu snack fil-Każin tal-Banda San Bartilmew jew wieħed mill-barijiet l-oħra fil-pjazza tar-raħal jew madwarha.

Fi triqtek barra minn Ħal Għargħur lejn in-Naxxar minn Triq San Ġwann, ieqaf biex tagħti ħarsa lejn is-Semaforu, it-Torri tas-Sinjali fuq il-lemin tiegħek. Dan inbena mill-Ingliżi f’nofs is-snin 1800. Hekk kif titbiegħed minnu int issib mitħna oħra mibdula f’residenza.